Navigate Up
Sign In

Żieda ta’ 47 tunnellata fil-kwota tat-tonn fuq is-sena li għaddiet—Bastimenti taħt it-12-il metru jistgħu jaqbdu sa 26.3 tunnellati tonn taħt il-proċeduri tal-bycatch

Reference Number: PR180666, Press Release Issue Date: Mar 28, 2018
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ħabbar li wara konsultazzjoni twila kemm b’mod dirett mas-sajjieda kif ukoll mal-koperattivi ntlaħaq ftehim biex ammont sostanzjali ta’ kwota tat-tonn tiġi riservata għad-dgħajjes ta’ taħt it-12-il metru, biex dawn ikunu jistgħu jdaħħlu t-tonn bħala bycatch waqt is-sajd tagħhom bil-konz għal speċi oħra. Dan huwa kompromess tajjeb għas-sajjieda Maltin u Għawdxin kollha.

Fil-fatt din is-sena dawk is-sajjieda li għandhom bastiment iżgħar minn 12-il metru se jkunu jistgħu jaqbdu sa total ta’ 26.3 tunnellati taħt il-proċeduri tal-bycatch. Dan ifisser li kull sajjied li huwa awtorizzat jistad għall-pixxispad jista’ jdaħħal l-art 5% f’tonn bil-piż jew bl-irjus tal-qabda totali ta’ ħut maqbud li huma speċi kkontrollati mill-ICCAT.

Id-Direttur Ġenerali tas-Sajd u l-Akwakultura Andreina Farrugia spjegat li l-kwota tat-tonn għas-sajjieda Maltin għas-sena 2018 se tkun ta’ 319-il tunnellata, jiġifieri żieda ta’ 47 tunnellata fuq is-sena 2017. Din tirrifletti żieda ta’ 17% fuq il-kwota tas-sena 2017.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-objettiv tal-gvern kien u jibqa’ li jiffaċilita l-ħajja ta’ min qiegħed jaħdem u investa biex jaħdem biex ikompli jaħdem, u b’hekk ikun qiegħed jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tas-settur. Madankollu, huwa sostna li ma rridux ninsew lil dawk li jixtiequ jinvestu u jaħdmu għat-tonn imma li sal-lum ma kellhomx din il-faċilità. 

Is-Segretarju Parlamentari temm billi qal li dan il-gvern huwa kommess li jagħti opportunità lil kulħadd biex jaħdem u qed jagħmel minn kollox biex ikompli jinċentiva liż-żgħir u jassigura s-sostenibbiltà tas-sajd artiġjanali Malti u Għawdxi, li huwa pilastru importanti fl-ekonomija ta’ Malta u Għawdex.