Navigate Up
Sign In

Titnieda l-ewwel ‘horse swimming zone’ f’Malta

Reference Number: PR181322, Press Release Issue Date: Jun 11, 2018
​Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ħabbar proġett ieħor relatat mal-qasam tad-drittijiet tal-annimali: il-ftuħ ta’ horse swimming zone f’pajjiżna.

Clint Camilleri qal li sa mill-bidu tal-leġiżlatura dan il-gvern ħadem qatigħ biex itejjeb is-settur tad-drittijiet tal-annimali u “waħda mill-wegħdi elettorali li għamilna qabel l-elezzjoni li għaddiet kienet li tiġi identifikata żona fejn il-baħar għall-għawn taż-żwiemel bl-approvazzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika”. Għalhekk, bħala parti mill-manifest elettorali, ġiet identifikata żona fejn il-baħar f’Marsaxlokk, fejn proprju saret il-konferenza stampa, biex wieħed ikun jista’ jibda jniżżel iż-żwiemel tiegħu.

Clint Camilleri żied li din iż-żona hi l-ewwel żona f’Malta uffiċjalment għall-għawm taż-żwiemel. Qal li dan hu pass importanti ħafna fejn jidħol it-trattament xieraq tal-annimali u l-gvern dejjem qed jimbotta biex l-annimali jkollhom ħajja u dinjità aħjar.

Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll id-Direttur tal-Animal Welfare Noel Montebello u s-Sindku ta’ Marsaxlokk Horace Gauci.

It-tnedija tal-lum ingħaqdet ma’ sensiela ta’ għajnuniet li diġà ngħataw u li se jkomplu jingħataw lil għaqdiet mhux governattivi fosthom għotjiet lil dawk l-għaqdiet li jgħinu fl-adozzjonijiet tal-annimali kif ukoll iż-żieda fl-allokazzjoni fil-fond magħruf bħala Animal Welfare Fund, liema applikazzjonijiet reġgħu fetħu għat-tieni darba ftit jiem ilu.