Navigate Up
Sign In

Għall-ewwel darba l-gvern jagħti weraq tal-palm mingħajr ħlas lis-sajjieda

Reference Number: PR181706, Press Release Issue Date: Aug 02, 2018
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ltaqa’ mas-sajjieda ġewwa l-Għammieri ftit jiem qabel jiftaħ l-istaġun tal-lampuki.

Bħala parti mill-preparamenti għall-istaġun tal-lampuki, is-Segretarjat Parlamentari qiegħed jikkuntattja lis-sajjieda sabiex jingħatawlhom il-weraq tal-palm mingħajr ħlas.

Clint Camilleri qal li għal-ewwel darba l-gvern qiegħed idur postijiet pubbliċi sabiex jinżabru l-palm, jinġabru l-weraq u ssir id-distribuzzjoni lis-sajjieda. Hu spjega kif qiegħda tingħata wkoll kura lill-palm li jkunu nqatgħu l-weraq minnu sabiex ma jiġix attakkat mir-red palm weevil.

Il-palm hu bżonnjuż għaliex il-weraq tiegħu huwa neċessarju biex is-sajjieda jippreparaw il-kannizzati għall-istaġun tal-lampuki, li jibda fil-15 ta’ Awwissu.

Clint Camilleri qal li “qegħdin naraw nistgħux inħawwlu palm ġdid u addizzjonali ħalli nassiguraw li fil-futur ikun hemm biżejjed palm għas-sajjieda.”

Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lis-Segretarju Permanenti Joseph Caruana, lid-Direttur Ġenerali għall-Iżvilupp Rurali Mario Spiteri, lid-Direttur Ġenerali tal-Parks Herman Galea, lid-Direttur Ġenerali għas-Sajd u l-Akkwakultura Andreina Fenech Farrugia, lid-Direttur għad-Diversifikazzjoni u l-Kompetittività Noel Azzopardi, u lill-ħaddiema kollha li permezz tal-ħidma sfiqa u konġunta tagħhom setgħet tkun possibbli din l-għajnuna għas-sajjieda.

Fl-aħħar nett, is-Segretarju Parlamentari Camilleri awgura staġun tajjeb lis-sajjieda kollha filwaqt li qal li dan tal-lum huwa eżempju ieħor ta’ kif dan il-gvern qiegħed jagħmel minn kollox biex jgħin lis-sajjieda Maltin u Għawdxin kollha u jiffaċilità l-ħidma tagħhom.