Navigate Up
Sign In

It-taħriġ u l-għarfien tal-għodda diġitali: it-triq ’il quddiem fil-biedja

Reference Number: PR190107, Press Release Issue Date: Jan 21, 2019
Hekk kif f’Berlin tlaqqa’ l-Global Forum for Food and Agriculture (GFFA), is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri attenda numru ta’ laqgħat ma’ diversi ministri tal-agrikoltura ewlenin fid-dinja, bit-tema prinċipali tkun kif l-agrikoltura jista’ jkollha futur aħjar permezz tal-użu tat-teknoloġija u soluzzjonijiet diġitali. 

Waqt din il-konferenza internazzjonali ġie diskuss kif id-diġitalizzazzjoni tista’ ssaħħaħ l-ekonomija, is-sostenibbiltà, u l-konservazzjoni tar-riżorsi fil-qasam agrikolu b’mod ħolistiku kif ukoll permezz tal-użu tat-teknoloġija u l-analiżi tad-data li l-bdiewa u raħħala jistgħu joffru l-prodotti tagħhom aktar immirati għad-domanda tal-konsumatur.

Is-Segretarju Parlamentari Camilleri tenna kif l-użu tat-teknoloġija u l-introduzzjoni ta’ aktar  soluzzjonijiet diġitali huma wħud mill-oqsma ewlenin fi ħdan il-Politika Nazzjonali Agrikola li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba s-sena l-oħra. Fil-fatt huma diversi t-temi fejn din il-Politika Nazzjonali Agrikola qiegħda telenka l-ħtieġa ta’ aktar investiment fl-użu tat-teknoloġija u l-oqsma diġitali. Fost dawk identifikati b’mod dirett hemm ir-ricerka u l-innovazzjoni, l-analiżi tad-data u l-prattiċi użati, kif ukoll permezz ta’ dawn is-soluzzjonijiet diġitali innovattivi li bihom il-bidwi u r-raħħal jista’ jtejjeb il-profittabbiltà u sostenibbiltà tiegħu.

Camilleri qal li huwa importanti li Malta tilħaq il-miri stabbiliti fl-Agenda 2030 dwar is-sostenibbiltà, eżempju dwar l-għajixien ta’ ħajja aktar sana u tnaqqis fil-poverta u wiegħed li pajjiżna jinsab kommess li jimbotta kemm jista’ l-implimentazzjoni ta’ dawn l-għanijiet. Is-Segretarju Parlamentari Camilleri sostna li “l-fattur primarju huwa li kemm il-bidwi kif ukoll aħna rridu niffukaw l-isforzi tagħna fuq kif il-bdiewa jistgħu jaċċessaw dawn it-teknoloġiji.” Huwa kompla jgħid li dan huwa fil-fatt l-għan tal-politika li qiegħed iħaddan il-Gvern. 

Madanakollu, Camilleri insista fuq l-importanza ta’ aktar taħriġ u għarfien tal-għodda diġitali mill-komunità tal-bdiewa, dan għaliex biex verament jintlaħqu dawn l-għanijiet irid ikun hemm mhux biss bidla fil-kultura imma wkoll riżorsi u inizjattivi adattati biex il-bidwi jtejjeb l-abbiltajiet diġitali.

Is-Segretarju Parlamentari Camilleri temm jgħid li t-teknoloġija u l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali jistgħu effettivament ikunu l-għodda meħtieġa biex aktar żgħażagħ jagħżlu s-settur agrikolu bħala l-karriera ewlenija tagħhom, f’settur li jkun aktar sostenibbli.

Ritratt: MESDC_PS