Navigate Up
Sign In

Suċċess għall-Wine Appreciation Event bħala parti mill-kampanja Wines of Distinction

Reference Number: PR190606, Press Release Issue Date: Mar 24, 2019
Suċċess għall-Wine Appreciation Event bħala parti mill-kampanja Wines of Distinction
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri fetaħ il-Wine Appreciation Event, fejn matula dawk kollha preżenti setgħu japprezzaw il-livell għoli ta’ nbejjed li joffru l-għassara fil-gżejjer tagħna.

Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari qal li saret ħidma kbira biex din il-kampanja tingħata identità, xogħol li sar flimkien mal-produtturi tal-inbejjed DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands, u sostna li llum din kienet suċċess fl-għan tagħha li tinforma lill-konsumatur Malti fuq xi tfisser it-tikketta DOK u IGT fuq il-flixkun tal-inbid. Is-Segretarju Parlamentari Camilleri spjega kif, “dan sar għaliex il-kampanja inkludiet promozzjoni vasta u llum saħansitra wasalna biex intellgħu din l-attività.”

Is-Segretarju Parlamentari qal li, “meta tajna bidu għall-kampanja Wines of Distinction, proprju sena u nofs ilu, f’Ottubru tal-2017, l-għan tagħna kien li ninfurmaw kemm jista’ jkun lill-pubbliku dwar dawn l-inbejjed.” Dan għaliex studju li kien sar mid-Direttorat tal-Agrikoltura, ftit qabel l-2017, kien indika li filwaqt li ċ-ċertifikazzjoni DOK u IGT kienet ilha f’pajjiżna 10 snin, u minkejja li jidher li l-perċezzjoni dwar inbid lokali ta’ kwalità kienet bdiet tieħu xejra pożittiva, kien ċar li kien għad fadal il-bżonn li jkun hemm aktar għarfien dwar l-inbejjed u l-kwalità tagħhom. Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri spjega kif wara li mbagħad kienu saru diskussjonijiet mal-produttri tal-inbid sabiex jinftiehmu aħjar il-bżonnijiet tagħhom, sar pjan sabiex ikompli jsir investiment fil-kampanja ta’ promozzjoni tal-inbid, bil-għan li tqajjem kuxjenza u interess dwar il-karattru distintiv ta’ nbejjed ta’ kwalità prodotti f’Malta u f’Għawdex.

L-iskop aħħari ta’ din il-kampanja huwa li kemm il-popolazzjoni lokali, kif ukoll ir-residenti barranin li jgħixu f’Malta, jagħrfu d-dedikazzjoni u x-xogħol kollu li jsir biex inbid ta’ kwalità bħal DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands jasal fuq il-mejda tal-konsumatur.

Il-kampanja se tintemm din is-sena meta tiġi wkoll imnedija rotta tal-inbejjed (wine trail) li tiġbor fiha l-għassara tal-inbejjed DOK u IGT fiż-żewg gżejjer. Is-Segretarju Parlamentari għall-bIEDJA Clint Camilleri temm jgħid li l-isem Wines of Distinction, fih innifsu juri tassew xi jfissru dawn l-indikazzjonijiet ġeografiċi u esprima li jinsab kburi li Malta u Għawdex nipproduċu inbejjed ta’ kwalità għolja u distinta illi ġew rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea u fuq kollox protetti bl-istess mod li huma protetti inbejjed tal-ogħla kalibru fl-Ewropa kollha.​

Informazzjoni Oħra:

Id-DOK Malta, id-DOK Gozo u l-IGT Maltese Islands huma nbejjed rreġistrati tal-Unjoni Ewropea u jgawdu protezzjoni Ewropea. Il-proċess biex tintlaħaq din il-kwalità jinvolvi ħafna xogħol u dedikazzjoni kemm mill-bdiewa u mill-għassara kif ukoll mid-Direttorat. Il-bidwi jrid isegwi l-produzzjoni tal-għeneb tul is-sena kollha u jassigura li l-għeneb jilħaq kwalità għolja sakemm jinqata’, filwaqt li l-għassara jridu jassiguraw illi dan l-għeneb jiġi maħdum ġo nbid distint. L-uffiċjali tad-Direttorat imbagħad għandhom ir-responsabbiltà li jsegwu u jiċċertifikaw dan il-proċess. 

B’kollox fil-gżejjer tagħna hawn madwar 800 persuna li jkabbru d-dwieli u ħafna mill-produzzjoni llum hija mmirata lejn l-IGT u d-DOK b’madwar 2 miljun flixkun fis-sena, produzzjoni li nistgħu ngħidu hija stabbilita, bl-aktar erba’ varjetatjiet popolari jkunu l-Girgentina, ix-Chardonnay, il-Ġellewża u l-Merlot. Il-produzzjoni ta’ dawn l-inbejjed hija garantita u l-inbejjed kollha li għandhom il-marka DOK u IGT ġew iċċertifikati f’laboratorji akkreditati barra minn Malta. Bħalissa f’Malta u Għawdex hawn 12-il għassara jew produtturi tal-inbid DOK u IGT u bejniethom jikkultivaw madwar 430 ettaru ta’ dwieli.